13-il Professjonist Ġdid Jingħaqdu mar-Reġistru tal-Prattikanti tal-Insolvenza ta' Malta
- Malta Business Registry
- Jul 27
- 3 min read
Grupp ġdid ta’ professjonisti fil-qasam tal-insolvenza lesta b’suċċess il-Kors tal-Insolvenza akkreditat, organizzat mir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta. Dan immarka pass importanti fit-tisħiħ tal-professjoni u t-titjib tal-għarfien fil-qasam. Wara t-tlestija b’suċċess tal-programm, 13-il professjonist iggradwaw u issa huma eliġibbli biex jiżdiedu mar-Reġistru tal-Prattikanti tal-Insolvenza, biex b’hekk ikompli jikber in-numru ta’ speċjalisti kwalifikati disponibbli biex jappoġġjaw in-negozji.
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, spjega kif l-għan tal-Gvern qatt ma kien biss li jara jiżdied in-numru ta’ negozji f’pajjiżna, iżda li jibni ekosistema b’saħħitha li takkumpanja lin-negozji f’kull stadju tal-vjaġġ tagħhom.
"It-tisħiħ tal-professjoni tal-insolvenza huwa pass ieħor biex inkomplu nagħtu lill-intrapriżi l-għodod u l-appoġġ meħtieġ sabiex jegħlbu l-isfidi u jkomplu joħolqu l-ġid għall-pajjiż. Il-ħidma tagħna ma tieqafx mal-ħolqien ta’ negozji ġodda. Irridu niżguraw li kull negozju jkollu l-għodod, il-professjonisti u l-appoġġ meħtieġ biex jirkupra, jadatta u jkompli jikber. Dan huwa l-mudell ekonomiku li qed nibnu għal pajjiżna, wieħed ibbażat fuq il-kwalità u l-kompetittività," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv u r-Reġistratur tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta, Dr Geraldine Spiteri Lucas, irrimarkat li ż-żieda ta’ 13-il prattikant tal-insolvenza kwalifikati ġodda se tkompli ssaħħaħ l-appoġġ disponibbli għan-negozji li qed ifittxu assistenza professjonali għar-ristrutturar, bil-possibbiltà li tiġi evitata l-insolvenza għal kollox. B'dan l-aħħar grupp, l-għadd ta' Prattikanti tal-Insolvenza rreġistrati f'Malta issa żdied għal 26.
"Ir-rwol ta' dawn il-professjonisti huwa li jiggwidaw lin-negozji fil-passi meħtieġa biex jerġgħu jiksbu l-istabbiltà finanzjarja u jkunu lura fuq saqajhom. Il-Kors kopra proċeduri relatati mal-likwidità, sanzjonijiet skont il-qafas regolatorju ta' Malta, l-Att dwar il-Prattikanti tal-Insolvenza, l-obbligi tad-diretturi, u proċeduri ta' ristrutturar preventiv. Barra minn hekk, dan huwa qasam li qed jevolvi kontinwament li jeħtieġ riċerka kontinwa, u l-kollaborazzjoni tagħna mal-Università ta' Malta tkompli tagħti l-frott," qalet Dr Spiteri Lucas.
Hija rrimarkat ukoll li r-riforma tal-insolvenza implimentata matul dawn l-aħħar snin kienet immexxija minn prinċipju ċar: li kulħadd jistħoqqlu t-tieni ċans. "Billi saħħaħna l-qafas Malti dwar l-insolvenza u r-ristrutturar, rawwimna kultura li tħeġġeġ lill-individwi u lin-negozji biex jagħmlu l-qabża meħtieġa 'l quddiem, b’serħan-il moħħ għax konxji li hemm ekosistema tan-negozju robusta, appoġġjata minn professjonisti kwalifikati u għodod legali effettivi, biex tgħinhom jirkupraw, jirristrutturaw u jerġgħu jibnu mill-ġdid," żiedet Dr Spiteri Lucas.
Wieħed mill-pilastri ewlenin ta' dan il-ħsieb ewlieni kien il-promozzjoni ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija. Bit-tnedija tal-Għodda ta’ Awtovalutazzjoni fl-aħħar tal-2024, 81 utent lestew il-valutazzjoni, b’51 jirreġistraw riskju ta’ insolvenza li jaqbeż il-50 fil-mija. Dawn iċ-ċifri juru l-valur ta’ din l-għodda bħala indikatur bikri, li jinkoraġġixxi azzjoni f’waqtha qabel ma d-diffikultajiet finanzjarji jsiru irriversibbli.
Dr Ingrid Hamilton, Riċevitur Uffiċjali u Kap tas-Servizz tal-Insolvenza u r-Riċevitur, irrimarkat li x-xogħol tar-Riċevitur Uffiċjali jkompli jirrifletti dan l-impenn biex tittejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tal-insolvenza. "Matul l-2025, l-Uffiċċju kkonkluda b’suċċess 11-il każ ta’ stralċ ordnat mill-qorti. Fl-2026, kkonkludejna 16-il każ ieħor, li ħafna minnhom kienu ilhom għaddejjin għal diversi snin. Ix-xogħol ikompli, b’24 każ ġdid assenjat is-sena l-oħra u 13-il kumpanija oħra diġà assenjati din is-sena. Dawn ir-riżultati juru d-determinazzjoni tagħna li nnaqqsu l-każijiet li ilhom pendenti, niżguraw li l-proċedimenti ta’ insolvenza jiġu konklużi b’mod aktar effiċjenti, u nipprovdu ċertezza akbar għall-partijiet interessati kollha," qalet Dr Hamilton.
Barra minn hekk, dawn il-prattikanti l-ġodda tal-insolvenza ġew riferuti għall-Kodiċi ta' Etika u Gwida Professjonali għall-Prattikanti tal-Insolvenza li ġie ppubblikat reċentement mill-MBR. Dan jidħol fil-fond tar-rekwiżiti tal-gwida professjonali għall-prattikanti tal-insolvenza, bil-għan li jissalvagwardja l-istatut tal-professjoni tagħhom, li jkun aġġornat kontinwament u joħloq sett ta' regoli u gwidi uniformi, li jistabbilixxu d-dmirijiet u l-obbligi tagħhom biex jissodisfaw l-istandards etiċi mistennija minnhom. Fl-istess ħin, dan il-Kodiċi għandu l-għan li jiżgura l-kwalità u t-trasparenza tas-servizzi pprovduti mill-prattikanti tal-insolvenza, li jiggarantixxi t-twettiq xieraq tax-xogħol li jwettqu u barra minn hekk li jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-kredituri u tal-klijent debitur.




Comments