top of page

Tnedija tal-Malta Business Wallet – inizjattiva li se tnaqqas il-burokrazija u żżid l-effiċjenza għan-negozji

Avviż pubbliku – Emendi fir-Regolamenti tal-BO

Updated: Jul 21, 2025

Nota Informattiva – Pubblikazzjoni ta’ Leġiżlazzjoni


Ir-Reġistru tal-Kumpaniji ta’ Malta (MBR) qed jinforma lill-pubbliku li mill-10 ta’ Lulju 2025 daħlu fis-seħħ emendi fir-Regolamenti dwar l-Att tal-Kumpaniji (Reġistru tas-Sidien Benefiċċjarji) (ir-“Regolamenti”) permezz ta’ Avviż Legali 127 tal-2025.


L-għan ewlieni ta’ dawn l-emendi huwa li jirriflettu l-ewwel fażi tat-traspożizzjoni tas-Sitt Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, b’mod partikolari l-Artikolu 74 tad-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.


Ta’ min tiġi enfasizzata l-importanza tal-emendi li saru fuq regolament 7 tar-Regolamenti, fejn persuna li jkollha raġunijiet li turi interess leġittimu fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati li jwasslu għalih, jew il-finanzjament tat-terroriżmu, għandha tingħata aċċess għall-informazzjoni tas-Sidien Benefiċċjarji miżmuma fir-reġistru mir-Reġistratur, fir-rigward tal-kumpanija. Dawn il-persuni huma mitluba jissottomettu talba bil-miktub, flimkien mad-dettalji tal-identifikazzjoni rispettivi, kwalunkwe informazzjoni u/jew rekwiżiti ta’ kwalifika jew kredenzjali. Din it-talba għandha tiġi akkumpanjata wkoll minn dikjarazzjoni dwar il-bażi legali li ssaħħaħ it-talba, li tikkonferma li l-iskop tat-talba għall-aċċess għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistru għandha x’taqsam ma’ kwistjonijiet li jikkontribwixxu lejn il-prevenzjoni, id-detenzjoni, reati relatati jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-Reġistratur għandu s-setgħa legali li jitlob kwalunkwe dokument meħtieġ skont il-każ. Jistgħu wkoll jiġu ppubblikati linji gwida għal dan il-għan.


Deċiżjoni mir-Reġistratur dwar tali talba għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-applikant rispettiv f’każ li t-talba tiġi miċħuda. Kull applikant li jħossu aggravat minn tali deċiżjoni jista’ jappella fi żmien għoxrin (20) ġurnata minn meta tinata tali deċiżjoni permezz ta’ rikors ġuramentat quddiem il-Qorti.


Kull persuna li taħseb li għandha interess leġittimu biex taċċessa r-reġistru tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji u s-soċjetajiet kummerċjali oħra, tista’ tibgħat talba permezz tal-posta elettronika fuq accesstobo@mbr.mt   


Apparti minnhekk, it-tibdiliet leġiżlattivi jinkludu wkoll emendi fil-formoli statutorji li jinsabu fl-Iskeda tar-Regolamenti sabiex jittejjeb ir-rapportar tas-sidien benefiċċjarji lir-Reġistratur. Il-formoli l-ġodda jistgħu jiġu aċċessati onlajn fuq OFFICIAL REGISTRY FORMS – Malta Business Registry u għandhom jibdew jintużaw minnufih minn kull kumpanija. Il-verżjoni preċedenti ta’ tali formoli mhux se tibqa’ valida.


L-utenti rispettivi jistgħu jirreferu għall-User Guidelines ppubblikati li jservu bħala għajnuna biex jifhmu l-emendi leġiżlattivi li jirriżultaw minn dan l-Avviż Legali.


Dr Geraldine Spiteri Lucas

Reġistratur u Kap Eżekuttiv

Comments


bottom of page