L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani ġie uffiċjalment integrat mar-Reġistru dwar in-Negozju ta’ Malta.
Dan wara l-approvazzjoni ta’ emendi leġiżlattivi għall-Kapitolu 620 tal-Liġijiet ta’ Malta u l-Ordni li jistabbilixxi r-Reġistru dwar in-Negozju ta’ Malta bħala Aġenzija, li wasslu biex l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani (NFDIS) isir parti mir-Reġistru dwar in-Negozju ta’ Malta (MBR) bħala taqsima ddedikata.
L-NFDIS għandu rwol importanti biex jiżgura li l-investimenti barranin ma joħolqux riskji għas-sigurtà, għall-ordni pubbliku jew għas-setturi strateġiċi ta’ Malta, filwaqt li jkompli jappoġġja ambjent li jilqa’ investiment leġittimu.
Din l-integrazzjoni tfisser li:
In-negozji u l-investituri se jibbenefikaw minn proċess aktar simplifikat u kkoordinat.
Servizzi ewlenin relatati mar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji u l-iskrinjar tal-investiment barrani se jkunu disponibbli taħt saqaf wieħed.
Malta se tkompli tilqa’ l-investiment, filwaqt li tiżgura li jiġu mħarsa l-interessi nazzjonali.
Dawn il-bidliet jibnu fuq il-qafas regolatorju diġà b’saħħtu ta’ Malta, u jkomplu jtejbu l-koordinazzjoni, it-trasparenza u l-aċċess għas-servizzi. Huwa importanti li jiġi ċċarat li l-proċeduri ta’ notifika u skrinjar stabbiliti taħt il-Kapitolu 620 tal-Liġijiet ta’ Malta jibqgħu l-istess. Din l-integrazzjoni hija primarjament ta’ natura amministrattiva u għandha l-għan li tiffaċilita l-koordinazzjoni, il-qsim tal-informazzjoni u l-aċċess għal servizzi relatati fi ħdan l-NFDIS u l-MBR.
Reġistratur tal-Kumpaniji




Comments