top of page

Dr Geraldine Spiteri Lucas Reġgħet Ġiet Eletta bħala Membru Eżekuttiv għall-Ewropa tal-CorporateRegisters Forum

Dr Geraldine Spiteri Lucas Reġgħet Ġiet Eletta bħala Membru Eżekuttiv għall-Ewropa tal-CorporateRegisters Forum

2 hours ago
2 min read

Ir-Reġistru dwar in-Negozju ta’ Malta jħabbar li l-Kap Eżekuttiv u Reġistratur tiegħu, Dr Geraldine Spiteri Lucas, reġgħet ġiet eletta bħala Membru Eżekuttiv għar-Reġjun Ewropew tal-Corporate Registers Forum (CRF). Dan filwaqt li se tkompli sservi bħala President ta’ din l-organizzazzjoni globali.


Is-CRF jiġbor fih aktar minn 70 reġistru korporattiv minn madwar id-dinja biex jippromwovi l kooperazzjoni internazzjonali, jiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien u l-aħjar prattiki, u jsaħħaħ l istandards fis-settur tar-reġistri korporattivi. Il-fatt li Dr Spiteri Lucas reġgħet ġiet eletta biex tirrappreżenta r-Reġjun Ewropew jirrifletti l-fiduċja mqiegħda fit-tmexxija u l-kompetenza tagħha, kif ukoll fl-impenn tagħha biex tissaħħaħ il kollaborazzjoni bejn ir-reġistri kemm fuq livell reġjonali kif ukoll internazzjonali.


Il-fatt li tkompli sservi bħala President jenfasizza aktar l-istima li tgawdi fost il-kollegi tagħha fil-komunità globali tar reġistri.


Għal dan ir-riżultat, Dr Spiteri Lucas esprimiet il-gratitudni tagħha għall-fiduċja li wrew fiha l-membri tas-CRF u kkonfermat mill-ġdid l-impenn tagħha biex tappoġġja l-miri tal-Forum.


“Ninsab onorata bil-fiduċja li ngħatajt permezz ta’ din il-ħatra mill-ġdid, u grata għall-appoġġ kontinwu tal-kollegi internazzjonali tiegħi. Nibqa’ impenjata li nkompli navvanza l-ħidma tas-CRF u li nrawwem kollaborazzjoni akbar u effiċjenti fost ir-reġistri korporattivi fl-Ewropa u madwar id-dinja.”


Matul is-snin, Dr Spiteri Lucas kellha rwol sinifikanti fi ħdan is-CRF, fejn ikkontribwixxiet għal diversi inizjattivi mmirati biex isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali, jippromwovu t-trasparenza, u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ oqsma sodi għar-reġistri korporattivi. Permezz tat-tmexxija tagħha, hija dejjem ħeġġet għal skambju akbar ta’ għarfien u kollaborazzjoni eqreb bejn ir-reġistri biex jiġu indirizzati sfidi komuni u żviluppi regolatorji ġodda.


Il-kisba notevoli ta’ Dr Spiteri Lucas, flimkien mad-dedikazzjoni kontinwa u l-kontribut siewi tagħha lill-komunità internazzjonali tar-reġistri korporattivi – li issa ġew imsaħħa aktar permezz ta’ din l elezzjoni mill-ġdid – jenfasizzaw l-irwol attiv ta’ Malta fix-xena globali tar-reġistri. Dan jirrifletti wkoll l-impenn kontinwu tal-pajjiż biex iżomm l-ogħla standards ta’ governanza korporattiva, trasparenza, u kooperazzjoni internazzjonali.

Comments


bottom of page