top of page

Tnedija tal-Malta Business Wallet – inizjattiva li se tnaqqas il-burokrazija u żżid l-effiċjenza għan-negozji

Kodiċi ta’ Etika u Kondotta Professjonali għall-Prattikanti tal-Insolvenza

Is-Servizz tal-Insolvenza u tar-Riċevitur fi ħdan ir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (MBR) għadu kif ippubblika l-Kodiċi ta’ Etika u Kondotta Professjonali għall-Prattikanti tal-Insolvenza. Dan il-Kodiċi jiddefinixxi r-rekwiżiti tal-kondotta professjonali għall-prattikanti tal-insolvenza, bil-għan li jissalvagwardja l-professjoni tagħhom, jaġġornaha kontinwament u joħloq sett ta’ regoli dwar il-kondotta tagħhom li jistabbilixxi d-dmirijiet u l-obbligi tagħhom biex jissodisfaw l-istandards etiċi mistennija minnhom. Fl-istess ħin, dan il-Kodiċi għandu l-għan li jiżgura l-kwalità u t-trasparenza tas-servizzi pprovduti mill-prattikanti tal-insolvenza, li jiggarantixxi t-twettiq xieraq tax-xogħol tagħhom u jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-kredituri u tad-debitur.


Il-Kodiċi japplika għall-prattikanti tal-insolvenza awtorizzati, biex jiżgura li ma jaġixxux b’mod abbużiv jew negliġenti, filwaqt li jsostnu d-dinjità tal-professjoni tagħhom u l-fiduċja mogħtija lilhom.


Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal li: ” B’dan il-Kodiċi, qed niżguraw li l-proċeduri ta’ insolvenza ma jkunux biss effettivi iżda wkoll miftuħa u responsabbli. Qed nuru li Malta hija ġurisdizzjoni serja fejn ir-regoli huma ċari, nipproteġu l-interessi ta’ kulħadd u nsaħħu l-fiduċja fil-qafas kummerċjali tagħna.”


Dr Ingrid Hamilton, Riċevitur Uffiċjali u Kap tas-Servizz tal-Insolvenza u tar-Riċevitur qalet li “l-pubblikazzjoni ta’ dan il-Kodiċi timmarka pass importanti fit-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-professjonaliżmu tal-qafas tal-insolvenza f’Malta. Dan jistabbilixxi sett ċar u uniformi ta’ standards u obbligi etiċi, u jiżgura li l-prattikanti awtorizzati jwettqu dmirijiethom bl-ogħla livell ta’ kompetenza, responsabbiltà u indipendenza. Billi jissalvagwardja d-dinjità tal-professjoni u jippromwovi kondotta xierqa, il-Kodiċi jsaħħaħ il-fiduċja pubblika filwaqt li jiżgura li l-interessi tal-kredituri u d-debituri jintlaħqu b’mod ġust u responsabbli.”


B’riferenza għall-kors ta’ akkreditazzjoni tal-MBR għall-prattikanti tal-insolvenza, li issa jinsab fit-tieni terminu tiegħu, Dr Geraldine Spiteri Lucas, Reġistratur u Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MBR, qalet li “dan il-kors komprensiv imtella’ mis-Servizz tal-Insolvenza u tar-Riċevitur f’kollaborazzjoni ma’ akkademiċi ewlenin jirrappreżenta pass kruċjali fit-tisħiħ tal-qafas tal-insolvenza ta’ Malta u joffri lill-prattikanti għarfien legali fil-fond, taħriġ prattiku u akkreditazzjoni formali taħt ir-reġim leġiżlattiv il-ġdid. Jiftaħ niċċa innovattiva fil-professjoni u jgħammar lill-prattikanti bi gwida essenzjali għan-negozji f’diffikultà, jappoġġja l-irkupru tad-dejn f’waqtu u fl-aħħar mill-aħħar jgħin lill-intrapriżi u lill-individwi jiksbu ċans ieħor sinifikanti.”


Il-Kodiċi ta’ Etika u Kondotta Professjonali għall-Prattikanti tal-Insolvenza huwa disponibbli bħala kopja stampata u jista’ jitniżżel ukoll minn hawn.

Comments


bottom of page