top of page

Tnedija tal-Malta Business Wallet – inizjattiva li se tnaqqas il-burokrazija u żżid l-effiċjenza għan-negozji

Launch of Accreditation Course for Insolvency Practitioners

STQARRIJA


Is-Servizz tal-Insolvenza u r-Riċevitur fi ħdan ir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta qed jerġa’ jniedi kors ta’ akkreditazzjoni għall-prattikanti interessati li jiksbu awtorizzazzjoni biex jaħdmu bħala prattikanti fl-insolvenza f’termini tal-Att dwar il-Prattikanti fl-Insolvenza skont il-Kapitolu 632 tal-Liġijiet ta’ Malta.


Il-kors, organizzat mis-Servizz tal-Insolvenza u r-Riċevitur, bħala l-awtorità kompetenti, flimkien ma’ akkademiċi distinti fis-settur tal-insolvenza, se jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-qafas tal-insolvenza u gwida prattika lil dawk li jixtiequ jwettqu l-funzjonijiet ta’ prattikant fl-insolvenza f’termini tal-liġi Maltija.


Il-kors se jkun mifrux fuq sitt xhur, minn Novembru 2025 sa April 2026, b’xi lekċers isiru fil-binja tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta u oħrajn online. Mat-tmiem il-kors, il-kandidati jiġu evalwati individwalment mill-awtorità kompetenti u dawk meqjusa li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-liġi tinħarġilhom l-awtorizzazzjoni dovuta biex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ prattikant fl-insolvenza skont l-Artikolu 4(1) tal-Att dwar il-Prattikanti fl-Insolvenza.


Dr Ingrid Hamilton, ir-Riċevitur Uffiċjali u l-Kap tas-Servizz tal-Insolvenza u r-Riċevitur, enfasizzat li dan il-kors se jiftaħ il-bieb għal niċċa innovattiva fis-settur legali tal-insolvenza, li toffri lill-prattikanti opportunitajiet siewja biex jipprovdu gwida kruċjali lin-negozji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji. “Din l-inizjattiva se tgħammar lill-professjonisti bl-għodod meħtieġa biex jgħinu lill-intrapriżi f’diffikultà u jiżguraw ċans ieħor,” qal Dr Hamilton. Wara l-kors inawgurali li sar is-sena l-oħra, ġie ġġenerat interess sinifikanti fost il-prattikanti, u dan ġie rikonoxxut bħala opportunità unika biex jispeċjalizzaw u b’hekk ikunu jistgħu jappoġġjaw aħjar il-kumpaniji fi żminijiet diffiċli. It-tieni sejħa għall-prattikanti biex jirreġistraw għall-kors tirrifletti l-impenn kontinwu tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (MBR) biex l-industrija tiġi mgħammra bl-għarfien espert u r-riżorsi li teħtieġ biex tirnexxi.


Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi tal-UE, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, enfasizza l-pass pożittiv miksub bl-akkreditazzjoni ta’ 13-il prattikant fl-insolvenza f’Malta wara t-tlestija tal-ewwel kors. “Filwaqt li din il-kisba timmarka bidu inkoraġġanti, huwa kruċjali li dan in-numru jkompli jikber. L-espansjoni tal-grupp ta’ professjonisti akkreditati se tiżgura li n-negozji, kemm jekk qed jaffaċċjaw żminijiet diffiċli kif ukoll jekk qed joħolqu l-opportunitajiet, jirċievu l-għarfien minn professjonisti u l-appoġġ li jeħtieġu biex jirnexxu, isostnu l-operat tagħhom, u jiġġeneraw prospetti ġodda ta’ impjiegi, u dan huwa eżattament dak li qed jagħmel l-MBR,” qal il-Ministru Schembri.


Il-parteċipanti rreġistrati li (i) ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-awtorizzazzjoni biex jaġixxu bħala prattikant fl-insolvenza f’termini tal-liġi Maltija, u/jew (ii) ma attendewx mill-inqas 80 % tas-sessjonijiet tal-kors, mhux se jkunu eliġibbli għall-valutazzjoni.


Is-Servizz ta’ Insolvenza u Riċevitur jistieden lil dawk interessati biex jirreġistraw l-interess tagħhom fil-kors billi jibagħtu email fuq info.irs@mbr.mt għal aktar informazzjoni sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Ottubru 2025.


Kwalunkwe terminu jew espressjoni li huwa definit fl-Att dwar il-Prattikanti tal-Insolvenza u l-Att ta’ Qabel l-Insolvenza u użat, iżda mhux definit f’dan l-avviż, għandu jkollu l-istess tifsira mogħtija lilu f’dawn l-Atti.

Comments


bottom of page