top of page

Pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali u r-Rendikont Finanzjarju tar-Reġistru tan-Negozju ta' Malta għall-2025

Pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali u r-Rendikont Finanzjarju tar-Reġistru tan-Negozju ta' Malta għall-2025

Insaħħu l-Ħaddiema Tagħna, Inwasslu l-Eċċellenza

Ir-Reġistru tan-Negozju ta' Malta jirrapporta sena oħra ta' tkabbir qawwi, trasformazzjoni diġitali u rikonoxximent internazzjonali


Ir-Reġistru tan-Negozju ta' Malta (MBR) ippubblika r-Rapport Annwali u r-Rendikont Finanzjarju tiegħu għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2025, li juru sena oħra ta' kisbiet operattivi sinifikanti, trasformazzjoni diġitali kontinwa u rikonoxximent internazzjonali.


Matul l-2025, l-MBR irreġistra 3,744 entità ġdida, inklużi 3,628 kumpanija privata, filwaqt li pproċessa ammont bla preċedent ta' 282,575 dokument korporattiv permezz tal-pjattaforma diġitali BAROS - żieda ta' aktar minn 80,000 dokument fuq is-sena ta' qabel. Ir-Reġistru ħareġ ukoll 12,013 ċertifikat, ipproċessa 2,436 kopja vera ċċertifikata u għamel 1,697 spezzjoni ta' sjieda benefiċjarja fuq il-post, f’tisħieħ tat-trasparenza korporattiva u tal-qafas regolatorju ta' Malta.


Dan ir-Rapport Annwali jimmarka wkoll il-konklużjoni b'suċċess tal-ewwel Pjan ta' Ġestjoni Strateġika ta' ħames snin tal-MBR (2020–2025). Reviżjoni indipendenti kkonfermat punteġġ ta' implimentazzjoni ta' madwar 95% u klassifikazzjoni ġenerali ta' maturità organizzattiva ta' 80%, li turi li r-riformi strateġiċi introdotti matul l-aħħar ħames snin ġew integrati fl-organizzazzjoni kollha.


It-trasformazzjoni diġitali baqgħet waħda mit-temi li jiddefinixxu l-2025. Matul is-sena, l-MBR żiedet il-preżentazzjoni elettronika obbligatorja fuq firxa usa' ta' sottomissjonijiet statutorji, u b'hekk ittejbet l-effiċjenza, tnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u ttejbet il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni korporattiva. L-iżvilupp kontinwu tal-pjattaforma BAROS u x-xogħol li għaddej fuq il-Malta Business Wallet isaħħu l-viżjoni fit-tul tal-MBR li tipprovdi servizzi kompletament diġitali u ffukati fuq l-utent.


Fl-2025, Malta saħħet ukoll il-pożizzjoni tagħha fix-xena internazzjonali. L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u r-Reġistratur tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta, Dr Geraldine Spiteri Lucas, ġiet eletta President tal-Forum tar-Reġistri Korporattivi (CRF), filwaqt li Malta ġiet magħżula biex tospita l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tar-Reġistri tan-Negozju fl-2026 (EBRA), u dan jirrifletti l-fiduċja internazzjonali dejjem tikber fil-qafas regolatorju u l-kompetenza ta’ Malta.


Ir-rapport juri wkoll l-impenn kontinwu tal-MBR biex tissaħħaħ il-governanza, f’appoġġ tan-negozji permezz ta’ servizzi moderni u effiċjenti, filwaqt li jkompli jikkontribwixxi għall-kompetittività ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni fdata.


Fil-kummenti tagħha dwar ir-Rapport Annwali tal-2025, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u r-Reġistratur Dr Geraldine Spiteri Lucas qalet:

"L-2025 kienet sena ta’ progress sinifikanti u avvanz strateġiku għall-ekosistema korporattiva u regolatorja ta’ Malta. Din kienet ikkaratterizzata mit-tisħiħ tal-impenn internazzjonali, riforma leġiżlattiva sostnuta u aċċelerazzjoni determinata tal-aġenda tagħna lejn it-trasformazzjoni diġitali. Hekk kif inkomplu f’din it-triq ta’ riforma u modernizzazzjoni, l-enfasi tagħna tibqa’ b’mod sod fuq il-bini ta’ ambjent korporattiv u regolatorju li jkun trasparenti, effiċjenti u reżiljenti. Id-diġitalizzazzjoni se tkompli tmexxi dan il-vjaġġ ’il quddiem, mhux bħala għan, iżda bħala mezz biex titwassal sistema aktar intelliġenti, aktar reattiva u lesta għall-futur li taqdi l-ħtiġijiet tal-ekonomija ta’ Malta u lil hinn."


L-Onor. Silvio Schembri, matul il-kariga tiegħu fl-2025 ta’ Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, qal:

"Il-kisbiet deskritti mhumiex tragwardi iżolati, iżda parti minn viżjoni usa' biex tissaħħaħ il-fiduċja, it-trasparenza u r-reżiljenza fil-pajsaġġ korporattiv u regolatorju tagħna, filwaqt li titħejja l-ekonomija tagħna għall-opportunitajiet ta' għada. Huwa ta' pjaċir kbir għalija li nippreżenta dan ir-Rapport Annwali tal-2025, li jixhed sena ta' progress kostanti, ambizzjoni mġedda u twettiq tanġibbli f'appoġġ sħiġ lejn il-komunità tan-negozju ta' Malta."


Ir-Rapport Annwali jiddeskrivi wkoll l-investiment kontinwu tal-MBR fl-infrastruttura diġitali, il-konformità, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp tal-ħaddiemai, filwaqt li jistabbilixxi l-pedamenti għaċ-ċiklu strateġiku li jmiss tal-organizzazzjoni allinjat mal-Viżjoni ta' Malta 2050.


Tista' tniżżel ir-Rapport Annwali tal-MBR tal-2025 hawnhekk.

Comments


bottom of page