top of page

Tnedija tal-Malta Business Wallet – inizjattiva li se tnaqqas il-burokrazija u żżid l-effiċjenza għan-negozji

Nota Informattiva – Pubblikazzjoni ta’ Leġiżlazzjoni

Updated: Jul 21, 2025

Emenda għar-Regolamenti dwar il-Formoli


Ir-Regolamenti dwar Formoli Taħt l-Att Dwar il-Kumpaniji (“ir-Regolamenti dwar il-Formoli”) qed jiġu emendati permezz ta’ Avviż Legali  92 ta’ 2025

Il-bidliet jirriżultaw minn emendi li saru fl-Att dwar il-Kumpaniji (“l-Att”) u biex jitjieb ir-rapportar li jsir mill-kumpaniji mar-Reġistratur skont l-Att dwar il-Kumpaniji. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Regolamenti dwar il-Formoli issa se jinkorporaw żewġ (2) formoli statutorji ġodda kif ukoll emenda għall-Formoli eżistenti K u K(1).


Formoli Ġodda:


Formola F(3) – meta jinħatar awditur fil-każijiet stipulati fl-artikolu 66(3) jew l-artikolu 151(9) tal-Att, il-kumpanija trid tippreżenta din il-formola ġdida lir-Reġistratur fi żmien 14-il jum minn tali ħatra. Il-formola, li tindika l-isem u n-numru tal-warrant tal-awditur maħtur, isservi biex tinnotifika lir-Reġistratur dwar kull ħatra ta’ awditur li jsir fil-kumpanija. In-nuqqas li jsir dan iwassal għall-obbligu tal-uffiċjali tal-kumpanija li jħallsu pieni amministrattivi, kif applikabbli taħt l-artikolu 151(6) tal-Att dwar il-Kumpaniji.

Formola K(2) – wara l-ħatra ta’ persuna permezz ta’ ordni tal-qorti jew awtorità kompetenti bħala amministratur tal-kumpanija, rappreżentant legali jew bħala l-persuna de facto responsabbli għall-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-kumpanija msemmija, il-persuna rispettiva trid tinforma lir-Reġistratur dwar tali ħatra fi żmien 14-il jum. L-istess formola trid tiġi ppreżentata meta tali persuna tiġi mneħħija jew tirtira minn din il-kariga. Il-perjodu ta’ żmien biex jiġi notifikat ir-Reġistratur f’dawn il-każijiet huwa wkoll ta’ 14-il jum. Ma humiex qed jiġu preskritti pieni amministrattivi f’dawn is-sitwazzjonijiet.


Emenda għall-Formoli Eżistenti:


Formoli K u K(1) – biex tiġi żgurata ċertezza legali, il-verżjoni bl-Ingliż tal-Formola K qed tiġi emendata. It-terminu “legal representation” qed jiġi sostitwit b’“representation” sabiex jitneħħew diskrepanzi bejn it-testi bl-Ingliż u bil-Malti. Barra minn hekk, il-kliem li jirrigwarda l-kunsens u d-dikjarazzjoni tad-diretturi skont il-liġi qed jiġu sostitwiti u organizzati mill-ġdid sabiex jirriflettu aħjar ir-rapportar.


Linji Gwida għall-Utent:

Wieħed jista’ jaċċessa l-Linji Gwida għall-Utent li għandhom l-għan li jiggwidaw liċ-ċittadin u lill-partijiet ikkonċernati kollha matul il-proċess.Bħala parti mill-obbligi biex jiġu protetti l-intrapriżi żgħar u medji, il-Formoli ġodda se jidħlu fis-seħħ biss wara li jgħaddu xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali.


Dr Geraldine Spiteri Lucas

Reġistratur u Kap Eżekuttiv

Comments


bottom of page