Nota Informattiva – Pubblikazzjoni ta’ Leġiżlazzjoni
- Malta Business Registry
- Jul 14, 2025
- 2 min read
Updated: Jul 18, 2025
Emendi fl-Att dwar il-Kumpaniji
Ir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (MBR) b’dan jinforma lill-pubbliku li l-Att dwar il-Kumpaniji (Emenda), 2025 ġie maħruġ mill-Parlament (l-Att Nru XVIII tal-2025) u ppubblikat fil-Gazzetta fil-11 ta’ Lulju 2025. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att emendatorju għandhom jidħlu fis-seħħ f’dik id-data li għandha tiġi determinata b’permezz ta’ Avviż Legali separat.
L-għan u r-raġunijiet ta’ dan l-Att emendatorju huma prinċipalment biex jiġu ċċarati ċerti klassifikazzjonijiet u status tal-kumpaniji, jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti sabiex jirriflettu l-ħtiġijiet tal-industrija finanzjarja, jittejbu r-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni bejn ir-Reġistratur u s-soċjetajiet kummerċjali permezz tal-aġġornament xieraq ta’ indirizz tal-posta elettronika, u sabiex il-Ministru jingħata s-setgħa leġiżlattiva biex jipprovdi regolamenti fir-rigward tal-uffiċċju rreġistrat tas-soċjetajiet kummerċjali u għall-formazzjoni, r-reġistrazzjoni u l-governanza ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata konsistenti ma’ dan l-Att li huma maħsuba biex joperaw f’setturi ekonomiċi speċifiċi.
Għaldaqstant, il-kumpaniji u l-uffiċjali tagħhom, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati b’mod ġenerali huma mħeġġa jiffamiljarizzaw ruħhom mal-emendi, b’mod partikolari dawk il-proċeduri li jfittxu li jtejbu u jtaffu ċerti proċeduri amministrattivi. Tali każijiet jinkludu dikjarazzjoni tad-direttur minflok rapport ta’ espert f’każijiet fejn xi kunsiderazzjoni għajr flus kontanti ma tkunx taqbeż il-valur monetarju ta’ EUR 50 000; kjarifika dwar id-drittijiet tal-vot tal-użufruttwarji tal-ishma; proċeduri ta’ xoljiment simplifikati ġodda applikabbli għal ċerti kumpaniji li jissodisfaw ċerti kriterji kif provdut mil-liġi; kif ukoll proċedura ġdida li tikkonċerna dawk il-kumpaniji li isimhom ikun tneħħa mir-reġistru, iżda b’permezz ta’ ordni mill-qorti, tali isem ikun reġa ddaħħal fuq ir-reġistru għal perjodu ta’ żmien definit u li għal xi raġuni jkunu jeħtieġu li jkollhom tali perjodu li fih jibqgħu hekk imdaħħla fir-reġistru estiż. Dan tal-aħħar ikun possibbli billi jiġi ppreżentat rikors konġunt mill-parti interessata flimkien mar-Reġistratur, akkumpanjat b’evidenza dokumentarja li ssostni t-talba lill-qorti.
Sabiex nifhmu aħjar kull dispożizzjoni emendatorja, wieħed dejjem jista’ jirreferi għal-Linji Gwida għall-Utenti li jfittxu li jiggwidaw lill-kumpaniji, lill-uffiċjali tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti matul il-proċess.
Dr Geraldine Spiteri Lucas
Reġistratur u Kap Eżekuttiv



Comments