Sottomissjoni Mandatorja ta’ Inkorporazzjonijiet u Xoljamenti ta’ Kumpaniji, mill-1 ta’ Marzu 2025
- Malta Business Registry
- Jan 6, 2025
- 2 min read
Updated: Jul 21, 2025
Ir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (Malta Business Registry – MBR) jixtieq jinforma li mill-1 ta’ Marzu 2025, id-dokumenti kollha relatati ma’ inkorporazzjonijiet u xoljimenti ta’ kumpaniji– (Kumpaniji regolati mill-Att dwar il-Kumpaniji, 1995 – (Formola B (1) – Avviż ta’ xoljiment u likwidazzjoni volontarju, Formola B (2) – Dikjarazzjoni ta’ Solvenza flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet, Formola L – Avviż tal-ħatra ta’ likwidatur, Formola L (3) – Avviż tar-riżenja tal-likwidatur, Formola L (4) – Dikjarazzjoni tal-likwidatur rigward likwidazzjoni pendenti, kif ukoll il-kontijiet, l-iskema ta’ distribuzzjoni u r-rapport tal-awdituri, u r-ritorn tal-likwidatur), (Kumpaniji regolati mir-Regolamenti dwar it-Tbaħħir Kummerċjali – Formola S – Avviż ta’ xoljiment, Formola P – Avviż tal-ħatra ta’ likwidatur, Formola T – Avviż tar-riżenja tal-likwidatur, Dikjarazzjoni tal-likwidatur rigward likwidazzjoni pendenti (Reg. 131 (1), il-kontijiet, l-iskema ta’ distribuzzjoni u r-rapport tal-awdituri, Formola Q – Avviż ta’ tlestija tal-likwidazzjoni, Ritorn tal-likwidatur), iridu jiġu sottomessi permezz tas-sistema online tal-MBR, BAROS (Business Automation Registry Online System). Din it-transizzjoni tenfasizza l-impenn kontinwu tal-MBR li jsir aġenzija kompletament mingħajr l-użu tal-karta, u li tkompli tibni fuq sforzi preċedenti. Din l-inizjattiva hija mfassla biex ittejjeb l-effiċjenza tal-ipproċessar filwaqt li tippromwovi approċċ aktar sostenibbli u favur l-ambjent.
Dr. Geraldine Spiteri Lucas, Kap Eżekuttiv u Reġistratur tal-MBR, enfasizzat li s-suċċess ta’ BAROS wera l-ħtieġa tal-industrija għal trasformazzjoni diġitali kontinwa għall-benefiċċji tal-prattikanti, tal-klijenti, u tas-settur. Dan il-pass isegwi diskussjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati u l-prattikanti li kellhom rwol kruċjali fil-proċess ta’ transizzjoni.
“L-abbiltà li jiġu inkorporati kumpaniji online ilha mistennija ħafna mill-industrija. Bis-sottomissjoni korretta tad-dokumenti meħtieġa (inklużi id-dokumenti ta’ diliġenza dovuta) u billi tkun kompletament konformi mar-rekwiżiti legali, kumpanija tista’ tiġi inkorporata fi żmien 24 siegħa. Xi ħaġa li ħafna prattikanti adattaw għaliha, li saħħet il-kompetittività ta’ Malta u li issa huwa ż-żmien xieraq biex tiġi nfurzata tali miżura. Bl-istess mod, ix-xoljiment online ta’ kumpaniji mhux biss inaqqas il-ħinijiet ta’ stennija iżda wkoll itejjeb il-proċessi ta’ monitoraġġ. Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex jissimplifikaw il-proċessi, jeliminaw ostakli burokratiċi bla bżonn, u jikkomplimentaw proġetti oħra mmexxija mill-MBR biex eventwalment joffru servizzi olistiċi,” spjegat Dr. Geraldine Spiteri Lucas.
Istruzzjonijiet dettaljati u riżorsi ta’ għajnuna jistgħu jinstabu hawnhekk.
Barra minn hekk, l-MBR se jkun qed jagħti wkoll sessjoni ta’ taħriġ f’nofs Jannar. Irreġistra hawn.



Comments