Tnedija ta’ għodda ta’ Insolvenza ta’ Awtovalutazzjoni – Immirata biex tkompli tħeġġeġ l-ispirtu intraprenditorjali
- Malta Business Registry
- Nov 15, 2024
- 2 min read

Is-Servizz ta’ Insolvenza u Riċevitur fi ħdan ir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta nieda pjattaforma online b’għodod li jippermettu lill-kumpaniji jivvalutaw il-pożizzjoni tagħhom biex jaċċertaw il-vijabbiltà mill-għadd finanzjarju b’rabta mal-operat tan-negozju. Inizjattiva bħal din hija parti integrali mir-riforma reċenti tal-qafas tal-insolvenza li tara li tagħti lin-negozji u lill-imprendituri opportunità billi ħeġġithom jinvolvu ruħhom f’eżerċizzju kunfidenzjali ta’ awtovalutazzjoni. Biex jagħmel dan, is-Servizz ta’ Insolvenza u Riċevitur, bħala Regolatur, qed jintroduċi l-kunċett ta’ mekkaniżmi ta’ twissija bikrija.
Tali notifiki ta’ twissija bikrija jibdew meta d-debitur jaqa’ lura f’ċerti tipi ta’ obbligi, bħal meta kumpanija tonqos milli tissottometti d-Dikjarazzjonijiet Annwali u d-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji tagħha.
Dr Ingrid Hamilton, ir-Riċevitur Uffiċjali u Kap tas-Servizz tal-Insolvenza u r-Riċevitur, spjegat li l-għan ta’ din l-għodda huwa li tgħin lin-negozji jżommu rekord tal-operazzjonijiet tagħhom filwaqt li trawwem l-idea li l-prevenzjoni hija aħjar mill-kura. “Permezz tal-iżvilupp ta’ din l-għodda, fittixna li mmorru lil hinn mir-rwol ta’ dan id-Dipartiment filwaqt li nagħtu tifsira ġdida lill-kunċett ta’ ristrutturar preventiv. B’din l-għodda disponibbli għan-negozji, in-negozjanti jista’ jkollhom aċċess aktar faċli għal strumenti kruċjali li jistgħu jiddependu fuqhom biex jimmonitorjaw il-progress tan-negozju tagħhom. L-aktar importanti, għandha l-għan li tagħti perspettiva ġdida lill-insolvenza billi tiggwida lill-komunità tan-negozju lejn l-evitar tagħha,” qalet Dr Hamilton.
Barra minn hekk, bl-emendi innovattivi u essenzjali miġjuba mir-riforma fil-qafas leġiżlattiv tal-insolvenza, is-Servizz tal-Insolvenza u r-Riċevitur, li huwa l-awtorità kompetenti fil-liġi, irrikonoxxa l-ħtieġa li jkun hemm grupp speċjalizzat ta’ professjonisti bl-għarfien espert meħtieġ biex jassisti lin-negozji f’diffikultà fl-isforzi ta’ ristrutturar tagħhom. Għalhekk, ġie attivat proċess biex joffri kors ta’ taħriġ imfassal apposta għall-akkademiċi u l-professjonisti speċjalizzati interessati f’dan il-qasam. Tlettax-il kandidat temmew b’suċċess dan il-kors u issa huma prattikanti awtorizzati li jispeċjalizzaw fl-insolvenza.
Il-Kap Operat u Deputat Reġistratur tar-Reġistru għan-Negozju ta’ Malta Annalise Zammit spjegat li l-kors ipprovda taħriġ komprensiv lill-kontabilisti, l-awdituri u l-avukati interessati f’dan il-qasam, biex jagħtihom il-ħiliet meħtieġa biex jilħqu dan l-għan. ‘Għall-ewwel darba, permezz tal-kors għandna tim b’saħħtu ta’ professjonisti speċjalizzati li, bl-għajnuna tas-Servizz tal-Insolvenza u tar-Riċevitur, se jkunu jistgħu jidderieġu lin-negozji lil hinn mix-xifer tal-insolvenza u jkunu ta’ gwida għal kummerċ profittabbli. F’dan ir-rigward se jiġi stabbilit ukoll reġistru ta’ prattikanti li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam sabiex dawk li jeħtieġu dan is-servizz ikollhom aċċess bl-aktar mod trasparenti u sigur,” qalet Annalise Zammit.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Reġistru għan-Negozu ta’ Malta u Reġistratur Dr Geraldine Spiteri Lucas qalet li bis-servizzi speċjalizzati u għodod teknoloġiċi speċifiċi, ir-Reġistru għan-Negozju Malti qed ifittex li joffri servizz kumpatt sabiex jissodisfa l-missjoni tiegħu li jkun ta’ spalla matul il-vjaġġ kollu tan-negozju filwaqt li jinkoraġġixxi spirtu intraprenditorjali.
“Dan huwa mument ideali biex wieħed iħares lejn ir-ristrutturar tan-negozju minn angolu ġdid, u jarah bħala triq lejn is-soluzzjonijiet aktar milli bħala sinjal ta’ falliment. Studji globali jiżvelaw li l-intraprendituri li jesperjenzaw ostakli fl-ewwel tentattiv ta’ negozju tagħhom spiss jiksbu suċċess akbar fit-tieni wieħed tagħhom. Għaldaqstant, permezz tal-għodda ta’ awtovalutazzjoni u l-appoġġ espert, qed noħolqu ekosistema komprensiva li trawwem it-trasformazzjoni tal-ideat f’negozji b’saħħithom. Dan is-servizz il-ġdid qed jingħata mingħajr ħlas inkluż ir-rapport kunfidenzjali li se jiġi ġġenerat lill-utent.” qalet Dr Geraldine Spiteri Lucas.



Comments